Monday, October 20, 2008

Ittra Tal-Ministru ghal Jum l-OFS


Għeziez ħuti,
Il-Mulej jagħtikom is-sliem!
Qabel xejn irrid nirringrazzja ’l Alla li reġa’ tani din l-opportunità biex inwassal dan il-messaġġ lilkom ilkoll. Jien nitlob dejjem li nkun nista’ niġi fostkom aktar ta’ spiss għax inħoss ferħ kbir kull darba li nagħmel hekk.

Qiegħed niktbilkom dan il-messaġġ biex inħeġġek lil kull wieħed u waħda minnkom sabiex tattendu għal kull attività li l-Kunsill Nazzjonali sa jorganizza matul din is-sena. U propju sa nibdew bil-kbir għax għall-ewwel darba, fil-knejjes Franġiskani kollha ta’ Malta u Għawdex, sa jiġi ċċelebrat JUM L-OFS. Ħassejna li ħafna Nsara li huma midħla tal-knejjes Franġiskani, jew qatt ma semgħu bl-OFS jew inkella ma jafu xejn dwar dan l-Ordni. Għaldaqstant, f’din il-ġurnata sa jingħata tagħrif dwar l-Ordni Franġiskan Sekular, biex forsi bis-saħħa ta’ hekk, aktar nies jissieħbu fl-OFS. Barra minhekk, xtaqna wkoll illi ħutna r-reliġjużi tal-Ewwel Ordni jkunu aktar konxji minn dan l-Ordni tagħna.

Għaldaqstant, nhar il-Ħadd 28 ta’ Settembru 2008, Ħadd qabel il-festa ta’ Missierna San Franġisk, sa niċċelebraw JUM L-OFS. Nixtiequ li kull fejn hemm Fraternità, l-aħwa KOLLHA jattendu għall-istess quddiesa li tiġi ċċelebrata mill-Assistent u animata minnhom. Sa jitqassam materjal biex jinqara’ waqt il-quddies u fejn huwa possibbli jkun hemm xi membru minn tal-OFS preżenti waqt il-quddies. Ħsibna wkoll biex jitwaħħlu Posters fin-Notice Boards tal-knejjes kollha, kif ukoll sa jsiru avviżi fil-gazzetti u l-Media.

Jalla l-eżempji ta’ San Franġisk Missierna, Santa Kjara, Santa Eliżabetta u San Ludoviku jgħinuna niċċelebraw din il-ġurnata kif jixraq billi nitolbuhom dejjem aktar nifhmu s-sejħa tagħna bħala Franġiskani Sekulari. Filwaqt li nawguralkom l-isbaħ xewqat, nitlob li l-barka ta’ Missierna San Franġisk tkun fuqkom ilkoll.

Il-Paċi Magħkom,
Godwin Vella Clark
Ministru Nazzjonali.
15 ta’ Awwissu 2008
Is-26 ĦADD TAS-SENA:

*L-Evanġelju ta’ S.Mattew li qed jinqara f’dawn il-Ħdud, jippreżentalna in-nisrani fi proċess kontinwu u li jieħu ż-żmien, tal-konverżjoni, frott tal-laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu u l-fidi fih. Rajna kif anke fi bliet pagani, Ġesù Kristu għamel mirakli, hu li ġie biex jfittex lil dawk li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael. Għal min ikkonverta, dan kien mument uniku għax ra lilu nnifsu mfejjaq, ħieles u mħaddan mill-ħniena. Għal min kien mimli bih innifsu u qatt ma ħass il-bżonn li jiltaqa’ mas-Salvatur, laqgħat bħal dawn pjuttost iddiżappuntawh u skandalizzawh. (IKOMPLI)